Mur għall-kontenut ewlieni

Kif inhu ffinanzjat il-baġit tal-UE

Billi jiġbor flimkien ir-riżorsi mill-pajjiżi tal-UE, il-baġit tal-UE jsaħħaħ l-ekonomija u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE. Huwa jtejjeb il-ħajja tal-450 miljun persuna li jgħixu fl-UE llum.  

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn dawn is-sorsi li ġejjin: 

  • proporzjon tal-introjtu nazzjonali gross ta’ kull pajjiż tal-UE, ibbażat fuq il-ġid tiegħu  

  • dazji doganali fuq importazzjonijiet minn barra l-UE 

  • parti żgħira mill-VAT miġbura minn kull pajjiż tal-UE 

  • kontribuzzjoni bbażata fuq l-ammont ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat f’kull pajjiż tal-UE 

  • dħul ieħor, bħal kontribuzzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għal ċerti programmi, imgħax fuq ħlasijiet tard u multi, kif ukoll kwalunkwe surplus mis-sena preċedenti

Dawn is-sorsi huma magħrufa bħala r-“riżorsi proprji” tal-UE. L-UE bħalissa qed tiddiskuti riżorsi proprji ġodda biex tiddiversifika u tirriforma s-sorsi tad-dħul tal-baġit tal-UE. Fil-futur, dawn jistgħu, pereżempju, ikunu marbuta mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew mal-profitti tal-kumpaniji. 

Il-baġit tal-UE huwa bbażat fuq il-prinċipju li n-nefqa trid tkun daqs id-dħul, li jfisser li d-dħul annwali jrid ikopri kompletament in-nefqa annwali. 

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa mit-Trattati tal-UE li tissellef mis-swieq kapitali internazzjonali f’isem l-UE. Mill-2021 ’l hawn, il-Kummissjoni bdiet tiġbor fondi fis-swieq kapitali biex tiffinanzja l-pjan ta’ rkupru tagħha ta’ wara l-COVID, in-NextGenerationEU. Dawn il-bonds tal-UE se jitħallsu lura fuq perjodu twil sal-2058. 

OSZAR »